Dikjarazzjoni ta’ WRF dwar l-estenzjoni tas-servizzi ta’ Abortion Support Network f’Malta.
Il-fatt li Malta l-abort mhu permess fl-ebda ċirkustanza ma jwaqqafx lin-nisa Maltin milli jagħmlu l-abort. L-abort minn dejjem kien isir u ha jibqa’ jsir minn nisa Maltin.
Dawk in-nisa li għandhom il-privileġġ li jaffordjaw il-ħin u l-flus, jaqbdu ajruplan u jsibu l-aqwa pariri u kura medika fiċ-ċirkustanzi. Din is-sitwazzjoni xorta toħloq ċertu problemi, għax id-dawmien jista’ jwassal għal iktar riskji, iżda ta’ l-inqas dawn in-nisa m’ghandhomx problemi finanzjarji u għalihom hi iktar faċli li jivvjaġġaw u jaċċessaw servizzi barra minn Malta.
Huma dak in-nisa li ma jaffordjwax il-ħin u l-flus biex isiefru u jħallsu l-kliniċi li jbatu l-iktar minħabba l-liġi ta’ Malta. Dawk in-nisa li m’għandhomx sapport jew li m’għandhomx aċċess għal informazzjoni u pariri neċessarji biex jagħmlu għażla ħielsa li taffetwalhom ħajjithom u l-benesseri tagħhom. Dawn huma n-nisa li jistgħu jispiċċaw jirrikorru għal proċeduri li jpoġġu saħħithom fil-periklu u li jirriskjaw li jispiċċaw il-ħabs.
L-istat mhux talli jiddiskrimina kontra n-nisa Maltin, iżda talli l-liġi Maltija tikkastiga b’mod l-iktar ħarex lil dawk in-nisa l-iktar vulnerabbli fis-soċjeta’ tagħna.
Fejn l-istat ma jonorax l-obbligi tiegħu, in-nisa, bħalma dejjem għamlu, jingħaqdu biex jgħinu u jissapportjaw lil xulxin, biex ta’ l-inqas ipattu għal fallimenti ta’ l-istat. Għaldaqstant, aħna nilqgħu l-inizjattiva ta’ l-Abortion Support Network (ASN) li għoġobhom jestendu s-servizzi tagħhom għan-nisa ġo Malta.
Irrispettivament mill-istat finanzjarju tagħhom, nisa Maltin, bl-għajnuna ta’ l-ASN, issa jista’ jkollhom aċċess għal informazzjoni u pariri fattwali u bla ġudizzju fuq it-tqala u l-għażliet tagħhom. Jekk hemm bżonn jirċievu għajnuna finanzjarja. U jekk u meta jagħmlu l-għażla, ASN jipprovdulhom is-sapport u l-għajnuna li għandhom bżonn u li jisthoqqilhom.
Il-Fondazzjoni għad-Drittijiet tan-Nisa tissapportja lill-ASN fix-xogħol tagħhom u nirringrazzjawhom f’isem in-nisa Maltin li jiġu bżonn is-sapport tagħhom.
Kuntatti ta’ASN:
Tel: +356 266 8 0990 (Tariffa daqs telefonata lokali)
Email: malta@asn.org.uk
Comments